Il-ħniena hi suġġett importanti ħafna għal Papa Franġisku, mhux biss għaliex ftit tas-snin ilu (2015-2016) kellna sena ddedikata lill-ħniena imma wkoll għaliex hija kwalità li l-Papa jixtieqna li ngħixu b’aktar impenn fil-ħajja tagħna. Meta kien mistoqsi jwieġeb min hu ftit wara li sar Papa, Papa Franġisku wieġeb: “Jiena midneb.” B’din it-tweġiba, Papa Franġisku ried jgħaddilna messaġġ importanti ħafna: il-ħniena mhijiex kwalità li hemm bżonn nuru mal-oħrajn għaliex l-oħrajn għandhom xi ħaġa inqas minna jew għax għamlu xi ħaġa ħażina, imma li kollha kemm aħna għandna bżonn il-ħniena.
X’jiġifieri li jkollna bżonn il-ħniena? Li jkollna bżonn il-ħniena tfisser li nindunaw li aħna mhux dejjem nagħmlu dak li hu tajjeb u mhux dejjem nixtiequ dak li hu tajjeb u sabiħ, u għalhekk għandna bżonn l-għajnuna biex ma nagħmlux ħsara lilna nfusna u lill-oħrajn, u biex inkunu nistgħu ngħixu ħajja verament ferħana. Għalhekk, li jkollna bżonn il-ħniena tfisser li aħna ma nistgħux ngħixu weħidna u li għandna bżonn xulxin – u lil Alla. Il-ħniena, għalhekk, irridu ngħixuha fil-ħajja ta’ kuljum billi nagħtu kas tal-bżonnijiet tal-oħrajn, ngħinuhom u nitolbu għalihom.
Fuq kollox, meta aħna nuru ħniena ma’ xulxin, inkunu qed nagħmlu ma’ xulxin dak li Alla jagħmel magħna.