It-Tama

L-1 tal-Avvent

Ta’ kull sena, hekk kif jibda x-xahar ta’ Novembru, ikun hemm diġà min jibda juri ritratti tal-armar tal-Milied. Mhux l-ewwel darba li taħt dawn ir-ritratti, ikun hemm ukoll kummenti ta’ nies oħra li ma jaqblux li l-armar għandu jsir tant kmieni u li hu aktar f’waqtu li dan isir f’Diċembru.

Madanakollu, din is-sena indunajt li ma kienx hemm wisq minn dan it-tip ta’ kummenti. Ħafna nies diġà bdew jarmaw, u peress li ninsabu fil-qalba ta’ pandemija hu ċar li, din is-sena, l-armar ma jfissirx biss atmosfera aktar ferriħija d-dar, iżda għodda oħra li tista’ tqawwi aktar it-tama f’mument diffiċli, li tkompli tagħti d-dawl fi staġun iebes u mudlam.

Bdejna l-Avvent, li hu staġun ta’ stennija – iżda stennija mimlija tama, stennija li fiha nnifisha aktar kemm jgħaddu l-ġranet u l-ġimgħat aktar tqawwi t-tama. Dan kollu jfakkarni ħafna fit-tqala li tesperjenza l-mara u li, b’mod differenti, jesperjenzaha ukoll il-missier tat-tarbija li hemm fil-ġuf. It-tqala hi esperjenza ta’ stennija, li fiha ġieli jkun hemm mumenti iebsa, ta’ qtigħ il-qalb u saħansitra ta’ biża’. Iżda hi stennija mimlija tama għax il-ħajja li qed tistenna li tkun f’dirgħajk, hi diġà ġo fik u aktar kemm jgħaddu l-ġimgħat u x-xhur aktar tqawwi qalbek li it-tama mhux se tiddeludik u li dak li hemm ġo fik dalwaqt se tarah u tgħannqu.

Din il-ġimgħa lit-tfal qed nippreżentawlhom il-karattru tal-anġlu fl-istorja tal-Milied, fejn tant hu ċar li huma ħabbara tat-tama. L-anġlu Gabrijel hu l-ħabbar tat-tama lil Marija; li jgħidilha li fiha qed iġġorr is-salvazzjoni ta’ Iżrael u t-tama tad-dinja kollha. L-anġli ta’ Betlehem huma dawk li jgħannu t-tama, li jwassluha lil dawk li l-aktar għandhom bżonn jirċevuha – ir-rgħajja, l-ifqar fost il-fqar.

Bla dubju, ilkoll kemm aħna bħalissa ninsabu fl-istess baħar – il-baħar tal-pandemija – iżda qegħdin fuq dgħajjes differenti; min jitħabat mal-mewġ tal-finanzi baxxi, min mal-mewġ tax-xogħol li qed jonqos, min mal-mewġ tal-mard. Madanakollu ilkoll kemm aħna għandna bżonn kelma ta’ tama, li tagħtina nifs fl-aħħar ta’ din is-sena hekk diffiċli u mimlija sfidi, li tfakkarna li għad jasal żmien aħjar, li turina li dak li ġara fl-ewwel Milied, dik il-paċi u l-kuntentizza minkejja l-kesħa tal-grotta u l-faqar tal-maxtura, jista’ jitwieled fi qlubna llum ukoll.

Din is-sena, għalina l-ġenituri, dan l-Avvent bla dubju se jkollu inqas ġenn u ġiri li jikkaratterizza x-xahar ta’ Diċembru, imma se joffrielna opportunità unika biex nagħmlu aktar spazju u nisimgħu dan il-messaġġ ta’ tama li tant għandna bżonn. Jalla din is-sena, l-istagħġib u l-ferħ ta’ dan iż-żmien ma narawhx biss f’għajnejn uliedna imma narawh ukoll f’għajnejna għax dan hu żmien għalina lkoll, tfal u kbar. L-Avvent it-tajjeb!

Żgħar u kbar, kulħadd iħobb l-anġli: l-istampi u s-sens tal-misterjuż, imma wkoll minħabba l-fatt li jħarsuna u jipproteġuna. Ftit nafu dwar dawn il-ħlejjaq li jidhru differenti ħafna minna, imma hemm affarijiet li nafu dwar min huma l-anġli u x’jagħmlu.

Il-kelma “anġlu” tfisser Messaġġier. L-anġli, fil-fatt, huma messaġġiera importanti ħafna fl-istorja tal-Milied. Anġlu (l-Arkanġlu Gabrijel) deher lill-Madonna biex iħabbrilha li hi kellha tkun Omm Alla (Luqa 1:26-38), u l-istess anġlu deher ukoll lil San Ġużepp biex jgħidlu li Alla xtaqu jieħu ħsieb lill-Iben tiegħu u li kellu jsemmi lit-tarbija Ġesù (Mattew 1:18-25).

Anġlu ieħor deher lir-rgħajja li kienu qegħdin jieħdu ħsieb lin-nagħaġ tagħhom fil-lejl tal-Milied biex iħabbrilhom il-ferħ li twieled Ġesù (Luqa 2:8-20). Kien anġlu wkoll li kellem lis-Slaten Maġi f’ħolma biex iwissiehom ma jmorrux lura għand Erodu fi triqthom lejn darhom (Mattew 2:12). Fuq kollox, l-anġli huma messaġġiera tat-tama! Anke l-mod ta’ kif naraw lill-anġli mpinġija jfakkarna f’dan: il-ġwienaħ ifakkruna li l-anġli ġejjin mill-Ġenna.

L-Arkanġlu Gabrijel deher lill-Madonna biex iħabbrilha li hi kellha tkun Omm Alla
L-Arkanġlu Gabrijel deher lil San Ġużepp biex jgħidlu li Alla xtaqu jieħu ħsieb lill-Iben tiegħu u li kellu jsemmi lit-tarbija Ġesù

Importanti li niftakru li l-anġli mhumiex bnedmin li mietu. Aħna l-bnedmin nitwieldu b’ġisem u b’ruħ, u r-ruħ ma tmutx meta jmut il-ġisem. Waqt li tieħu gost tkun m’Alla fil-Ġenna, ir-ruħ tistenna l-qawmien mill-imwiet tal-ġisem fl-aħħar tad-dinja! Anġlu, min-naħa l-oħra, jitwieled t’anġlu. L-anġli huma spirti biss u m’għandhomx ġisem bħalna, imma l-anġli jaħsbu u jixtiequ wkoll. Meta n-nies jirreferu għal nies oħra li mietu bħala anġli, ikunu qed jgħidu li dawk li mietu huma bħall-anġli għax ir-ruħ tagħhom qiegħda fil-Ġenna m’Alla.

L-anġlu kustodju, fil-fatt, hu anġlu magħżul minn Alla biex jibqa’ magħna l-ħin kollu u jħarisna. Dan ma jfissirx li f’ħajjitna qatt mhu se niltaqgħu ma’ problemi u diffikultajiet. Alla jħallina nesperjenzaw problemi u diffikultajiet biex inkunu nistgħu nsiru nies tajba – għaliex kif nistgħu nikbru fil-Fidi tagħna jekk ma jkollniex sfidi? – u għall-glorja tiegħu.

Kif l-anġli ħabbru bil-ferħ it-twelid ta’ Ġesù fl-istorja tal-Milied, hekk ukoll illum ikomplu jgħinuna niskopru l-Aħbar it-Tajba li Ġesù għandu għalina fil-ħajja tagħna. (Aqra aktar dwar l-anġlu kustodju hawn)

L-anġli huma naturalment ħlejjaq akbar minna, iżda Alla, meta sar bniedem bħalna fil-Milied, għamilna akbar mill-anġli. Bil-qawmien tiegħu mill-imwiet u bit-tlugħ tiegħu fis-sema – flimkien mat-tlugħ tal-Madonna fis-sema u mal-inkurunazzjoni tagħha bħala Reġina tal-Anġli – aħna wkoll nistgħu ngawdu lil Alla wara mewtna: fir-ruħ – u fl-aħħar tad-dinja – bil-ġisem ukoll.

Aqra aktar dwar l-anġli hawnhekk.

Pinġi lill-anġlu li qed nipprovdu. Għalkemm fil-verità ma nafux kif anġlu jidher, it-tpinġija għandha tfakkarna f’persuna vera li Alla jibgħatilna biex iħarisna u jurina x’jixtieq minna Alla. Dan huwa l-ewwel pastur li se nkunu qed niddiskutu fi żmien l-Avvent. Żur is-sit tagħna l-ġimgħa d-dieħla biex titgħallem fuq pasturi oħra, u sal-aħħar tal-Avvent ikollok presepju sħiħ!