Kien hemm wieqfa ħdejn is-salib ta’ Ġesù ommu, oħt ommu, Marija ta’ Kleofa, u Marija ta’ Magdala. Mela kif Ġesù lemaħ lil ommu u lid-dixxiplu li kien iħobb wieqaf ħdejha, qal lil ommu: “Mara, hawn hu ibnek.” Imbagħad qal lid-dixxiplu: “Hawn hi ommok.” U minn dak il-ħin id-dixxiplu ħadha għandu.
Il-Kelma tal-Mulej Tifħir lilek Kristu
Marija dejjem baqgħet ma’ binha Ġesù. Ħaddieħor, telaq għaliex beża’. Anke Ġesù, baqa’ sal-aħħar jieħu ħsieb lill-mama’ tiegħu.
Marija tgħallimna li:
Hi baqgħet ma’ binha Ġesù u hekk ukoll tibqa dejjem magħna
Hi l-mama’ tagħna wkoll
Ġesù, għinna biex inkunu ħbieb ta’ vera u nibqgħu mal-ħbieb, kemm meta jkunu ferħana u anke meta jkunu mdejqa
Flimkien mal-ġenituri tagħkom, araw l-aħbarijiet tal-lum (mill-gazzetta, internet, TV). Sfortunatament, dejjem nisimgħu aħbarijiet li huma ta’ niket u tbatija. Agħmlu lista tagħhom. Meta tkunu qegħdin titolbu, semmuhom u itolbu għan-nies li jkunu parti minn dawk il-ġrajjiet biex il-Madonna biex twassalhom lil binha Ġesù u tgħinhom fil-mumenti diffiċli li jkunu qed jgħixu.