Flimkien ma’ Marija matul is-sajf:
L-għan ta’ din il-mixja
Din hija riżorsa li tista’ tintuża matul il-ġimgħat tas-sajf mill-familja jew grupp ta’ familji flimkien, inkella wkoll jekk katekisti jixtiequ jlaqqgħu lit-tfal matul is-sajf.
Fil-Bibbja ma tantx insibu ġrajjiet dwar Marija, omm Ġesù. Madanakollu hemm biżżejjed biex aħna nibnu stampa ċara ta’ min kienet u aktar importanti, biex nitgħallmu min hi Marija għalina.
Marija kienet tfajla Lhudija toqgħod Nazaret. Il-ġenituri ta’ Marija, il-Knisja ssejħilhom Anna u Ġwakkin. Biex Marija kienet tfajla tant tajba, li Alla għażilha biex tkun omm l-iben tiegħu, żgur li l-ġenituri tagħha, kienu nies tajba wkoll. Minn meta kienet żgħira, kienu jgħallmuha dwar Alla, dwar l-imħabba tiegħu u bl-eżempju tagħhom, għallmuha li l-għażla tajba hi dik meta nobdu dak li jixtieq Alla minna.
Nazaret kien raħal żgħir u bħall-bqija tal-pajjiż kien taħt il-ħakma Rumana. Il-Lhud ma kienux kuntenti bir-Rumani, għax ma kienux jittrattawhom sew. Għalhekk kulħadd kien qiegħed jistenna b’ħerqa lill-Messija, għaliex kienu jemmnu li hu kien ser jeħlishom mill-ħakma tar-Rumani.
Marija kellha fidi kbira f’Alla. Hija emmnet li Alla dejjem ried dak li hu tajjeb. Marija emmnet li Alla hu ġust u ħanin. Marija fdat lilha nnifisha u l-ħajja tagħha kollha f’idejn Alla, meta qalet: “Ikun minni skont kelmtek.” Din il-wegħda, Marija baqgħet iżommha sal-aħħar.
Flimkien ma’ Ġużeppi, huma jrabbu lil Ġesù, bħala tifel Lhudi, b’fidi u tama f’Alla, li hu mħabba.