Matul din is-sena, Papa Franġisku qiegħed jitkellem u jikteb ħafna dwar San Ġużepp, u qiegħed iħeġġiġna biex insiru nafu aktar dwar San Ġużepp u biex nitgħallmu minnu. Għalhekk tajjeb li nistaqsu, min hu San Ġużepp?
San Ġużepp kien ir-raġel tal-Madonna u Alla sejjaħlu biex jieħu ħsieb lil Ġesù meta l-Iben ta’ Alla stess sar bniedem bħalna! Naqraw dwar San Ġużepp fl-Evanġelji ta’ San Mattew u ta’ San Luqa, imma f’dawn l-Evanġelji m’għandniex kliem li San Ġużepp seta’ tkellem. Dan ma jfissirx li San Ġużepp ma kienx jitkellem!
Nafu li San Ġużepp kien bniedem kwiet u li jirrispetta lil kulħadd, u kien jaf iħobb mhux biss lil ta’ madwaru imma lil Alla wkoll. Nafu wkoll li San Ġużepp kien joħlom ħafna, kien jaf jgħin lill-oħrajn, u kien dejjem kuraġġuż jagħmel dak li Alla talbu jagħmel f’ħajtu.
San Ġużepp kien joħlom ħafna. Inti ġieli toħlom? Toħlom dwar x’tixtieq issir la tikber? San Ġużepp kellu l-ħolm tiegħu, imma fl-Evanġelji naqraw dwar erba’ ħolmiet li kellu San Ġużepp u li fihom Alla wera l-pjan li kellu għal San Ġużepp.
Minħabba li San Ġużepp kien bniedem li joħlom mhux biss għalih innifsu imma wkoll għall-oħrajn – ma kienx joħlom dwar kif seta’ jgawdi hu, imma kif jista’ jgħin l-aktar lill-oħrajn – seta’ jaċċetta li jgħix esperjenzi li żgur ma kienx jimmaġina li qatt seta’ jgħix. San Ġużepp seta’ jgħid “Iva” lil Alla għax f’ħajtu kollha dejjem prova jgħix dak kollu li Alla xtaq minnu, anke jekk xi affarijiet dehru impossibbli.
San Ġużepp, għalhekk, ma kienx jibża’ mis-sorpriżi ta’ Alla. San Ġużepp kien jaf li Alla jixtieqlu l-ġid u l-aħjar, u allura ma beżax jagħmel dak li Alla talbu jagħmel – anke jekk mhux dejjem fehem. San Ġużepp seta’ jieħu ħsieb lil Ġesù għax hu ħalla lil Alla jieħu ħsiebu. Aħna wkoll, fil-ħajja tagħna, mistiedna biex nemmnu u nafdaw f’Alla, u nirrispettaw u ngħinu lill-oħrajn.