U lkoll qalb waħda kienu jitolbu flimkien ma’ xi nisa u ma’ Marija, omm Ġesù, u ma’ ħutu.
Meta wasal jum Għid il-Ħamsin, huma kienu lkoll flimkien f’post wieħed. F’daqqa waħda ġie mis-sema ħoss bħal ta’ riħ qawwi, u mela d-dar kollha fejn kienu qegħdin. U dehrulhom ilsna qishom tan-nar, li tqassmu u qagħdu fuq kull wieħed minnhom. Imtlew ilkoll bl-Ispirtu s-Santu u bdew jitkellmu b’ilsna oħra, skont ma l-Ispirtu kien jagħtihom li jitkellmu.
Il-Kelma tal-Mulej Tifħir lilek Kristu
Flimkien mal-Appostli, Marija rċeviet l-Ispirtu s-Santu. Marija kienet diġà rċeviet l-Ispirtu s-Santu meta l-Anġlu Gabrijel qalilha li hi ser tkun omm Alla. L-Ispirtu s-Santu ta l-kuraġġ li tgħid ‘iva’ u ta wkoll l-għajnuna biex tieħu ħsieb lil Ġesù. F’Pentekoste, l-Ispirtu s-Santu jerġa’ jagħtiha l-kuraġġ li tgħid ‘iva’ u l-għajnuna li kellha bżonn, biex issa issir ukoll Omm il-Knisja.
Marija tgħallimna li:
Bl-għajnuna tal-Ispirtu s-Santu, aħna nistgħu nagħmlu ħafna affarijiet li waħedna żgur li ma jirnexxilniex.
Bl-għajnuna tal-Ispirtu s-Santu, aħna nistgħu nagħmlu dak kollu li qiegħed jitlob minna Alla.
Għidu t-tielet misteru tal-Glorja.
Mulej Alla, għinni biex dejjem ngħidlek ‘iva’ u nwassal il-kelma tiegħek għand oħrajn.