Sibt il-Għid

Attivitajiet Speċjali għall-familja kollha

Introduzzjoni

Dan hu l-aħħar jum ta’ penitenza, li jippreparana għall-iktar jum importanti għalina l-Insara: dak tal-Għid il-Kbir. Iċ-Ċelebrazzjoni tal-Għid il-Kbir li ssir is-Sibt filgħaxija hija l-‘climax’ fil-kalendarju tal-Knisja. Ix-xemgħa tal-Għid, li nsejħulha l-Blandun, li tiġi mixgħula fil-Vġili tal-Għid il-Kbir, tibqa’ tinżamm fil-knisja matul is-sena bħala sinjal li jfakkarna fil-mewt u l-qawmien ta’ Ġesù. Fil-knisja, il-Blandun, jinxtegħel matul żmien il-Għid kollu.

Fil-liturġija tal-lum nisimgħu 7 siltiet mit-Testment il-Qadim. Il-knisja tkun kważi kollha fid-dlam. Wara dan il-qari, tinxtegħel il-knisja u titkanta l-Glorja (il-Glorja ma tingħad qatt matul ir-Randan, ħlief f’Ħamis ix-Xirka). Illum titkanta wkoll l-Hallelujah qabel l-Evanġelju li jħabbar il-qawmien mill-mewt ta’ Ġesù. 

Iċ-ċelebrazzjoni tal-Vġili tal-Għid tkun imxandra fuq il-mezzi tax-xandir. Kunu preżenti bħala familja għal din iċ-ċelebrazzjoni. Ħejju minn qabel: 

  • Minħabba li hija twila bħala ċelebrazzjoni, tajjeb li t-tfal jilħqu jorqdu wara nofs in-nhar
  • Ilħqu ieklu xi ħaġa ħafifa qabel iċ-ċelebrazzjoni
  • Ippreparaw ikel għal wara, biex ikollkom bħall-party flimkien
  • Xemgħa għal kull persuna (jinxtegħlu mill-blandun)
  • Sulfarini
  • Il-blandun (jinxtegħel fil-bidu taċ-ċelebrazzjoni)
  • Qniepen u/jew ring tones mill-mobile (għal waqt il-Glorja u l-Hallelujah)
  • Ilma mbierek (tberik tal-ilma u għal waqt it-tiġdid tal-wegħdiet tal-magħmudija, kulħadd jagħmel salib bl-ilma mbierek fuq ġbinu)

Talba u qari tal-Evanġelju

Tistgħu ssegwu l-qari minn hawn.

Il-Kelma tal-Mulej
Tifħir lilek Kristu

Fil-liturġija tal-Vġili tal-Għid jintużaw numru ta’ simboli: in-nar, l-ilma, iż-żejt (jekk ikun hemm  magħmudija). 

Xi jfissru għalikom? X’jirrappreżentaw fil-ħajja ta’ kuljum (pereżempju: nar: dawl, sħana, qawwa; ilma: jnaddaf, nixorbu meta jkollna l-għatx, eċċ)

Tkellmu dwar it-tifsira ta’ dawn is-simboli fil-liturġija. Tistgħu ssibu nformazzjoni dwarhom hawnhekk, https://www.togetheratonealtar.catholic.edu.au/craft/signs-and-symbols/.

X’nistgħu nagħmlu aktar llum?

Wara ċ-ċelebrazzjoni nifirħu flimkien u nagħmlu party. Ġesù qam mill-mewt. Hallelujah!

Niftakru wkoll, inneħħu d-drapp il-vjola minn fuq il-kurċifiss li għamilna nhar il-Ħamis ix-Xirka. Minflok nistgħu npoġġu d-drapp l-abjad madwar is-salib. U lill-pupu ma nħalluħx fil-kaxxa! Issa nistgħu noħorġuh ukoll.

Il-Blandun nistgħu nixgħeluh matul żmien il-Għid, waqt li ngħidu din it-talba:  Ġesù, inti l-bieraħ u llum, inti l-bidu u t-tmiem, inti l-alfa u l-omega, tiegħek iż-żmien u l-eternità, lilek kull ġieħ u glorja għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

Għall-Għid il-Kbir

Dan huwa jum ta’ ferħ kbir!

Għall-ħsieb u attivitajiet, marbuta ma’ dan il-jum, morru f’din il-parti tal-liturġija.

X’nistgħu nagħmlu aktar llum?

Flimkien tistgħu taraw:
He is risen https://malta.catholicbrain.com/edu/videos/818304/1/he-is-risen 
The parable of the Lily https://www.youtube.com/watch?v=PbHG-_K75Eo