Il-Paċi 8-11-il sena

Il-Kaxxa tal-Avvent

L-Avvent huwa żmien speċjali li matulu nħejju ruħna għall-Milied. Aħna nħejju d-djar tagħna, il-klassijiet, it-toroq u l-ħwienet sabiex ikunu mżejna sabiħ kemm jista’ jkun. Iżda l-aktar ħaġa li għandna nippreparaw hija QALBNA.

Matul l-erba’ ġimgħat tal-Avvent, ser nirriflettu u nitolbu għal: Tama, Imħabba, Ferħ u Paċi.
(l-ordni mhijiex importanti, daqs kemm li nħallu lil dawn il-virtujiet iħejjulna qalbna għal Ġesù)

(Għall-età bejn 4- 7 żur riżorsi fuq hawn.)

  1. Għamel printout fuq kartonċina bajda.
  2. Agħti l-kulur u aqta’ max-xifer.
  3. Itwi u wża l-gloj biex tagħlaqha forma ta’ kaxxa.
  4. Uża r-riflessjonijiet u talb bħala għajnuna sabiex matul l-Avvent tħejji qalbek biex tilqa’ lil Ġesù.

Meta, wara li twieled Ġesù, l-anġli dehru lir-rgħajja, xandru, “Sliem fl-art.” Meta Ġesù qam mill-imwiet u deher lill-ħbieb tiegħu, qalilhom, “Is-sliem għalikom!” Ġesù ġab il-paċi b’mod mhux mistenni. Il-Lhud stennew Messija li jġib il-paċi  billi jiġġieled lir-Rumani, bl-armati kbar u qawwija tiegħu. Iżda Ġesù tana l-paċi, meta salvana, billi miet għalina fuq salib. Il-kelma Lhudija għall-paċi, hija Shalom. Din hija l-paċi li jagħtina Ġesù. Aħna jkollna din il-paċi meta nkunu fil-paċi ma’ Alla u mal-oħrajn, meta nemmnu li Alla jħobbna u aħna nħobbu lill-oħrajn, meta nemmnu li Alla jaħfrilna u aħna naħfru lill-oħrajn, meta nemmnu li Alla jrid biss, dak li hu ta’ ġid għalina, u aħna nixtiequ dak li hu tajjeb lill-oħrajn.

  • Qabel ma tagħmel xi ħaġa, staqsi lilek innifsek, “Kieku Ġesù x’kien jagħmel?” Jekk Ġesù kien jagħmel dak li ħsibt li tagħmel, mela tajjeb, tista’ tagħmel dak li ħsibt dwaru; iżda jekk Ġesù ma kienx jagħmel hekk, ieqaf. Itlob u ara kieku Ġesù x’kien jagħmel.
  • Itlob lill-Ispirtu s-Santu u itolbu biex jagħti l-paċi lill-oħrajn u biex inti wkoll ikollok il-paċi f’qalbek.

Għid it-talba ta’ San Franġisk.