Fl-ewwel ġimgħa tal-Avvent, it-tema tal-qari waqt il-quddiesa hija t-Tama. Forsi din lilna tgerfixna u tgerfex lit-tfal ukoll. Nużaw il-kelma ‘tama’ meta nkunu nixtiequ u nisperaw li jiġri xi ħaġa, bħal pereżempju, ‘nittama li jkun temp sabiħ u nkunu nistgħu noħorġu’. Iżda tama f’Alla għandha tifsira differenti. Fl-iskrittura, tfisser li aħna għandna ċertezza f’dak li jagħmel u jgħid Alla. Irridu nafdaw fih, Alla qatt ma mar u qatt ma hu ser imur lura minn kelmtu. Aħna ċerti mill-imħabba, ħniena u maħfra tiegħu, għandna ċertezza li wara din il-ħajja nistgħu ngawduh fil-ħajja ta’ dejjem. Li jkollna tama fil-Mulej, tfisser li jkollna fiduċja sħiħa fih. L-istess bħal meta t-tfal ipoġġu jdejhom f’tagħkom biex taqsmu triq. Huma jkollhom fiduċja sħiħa fikom, li intom qed tieħdu ħsieb u se tipproteġuhom mit-traffiku li jkun għaddej. Huma għandhom fiduċja li se twassluhom fil-post fejn għandhom imorru. Hekk ukoll għandha tkun it-tama tagħna, il-fiduċja tagħna f’Alla; ma għandu jidħol l-ebda dubju f’moħħna li jpoġġi f’dubju l-preżenza ta’ Alla f’ħajjitna, li hu kollu tjieba u ħniena. Tistgħu taqraw u titolbu Salm 33 li hu dwar it-tama li għandu jkollna fil-Mulej.
Attività l-1 Ġimgħa
Ejjew naqraw dwar l-ewwel ġimgħa tal-Avvent.