40 jum tar-randan

Randan 2024

Nota lill-ġenituri 

Ir-Randan twil 40 ġurnata, minħabba li l-Ħdud ma humiex inklużi. Huwa żmien li jgħinna nirriflettu aktar dwar Ġesù. Kull ġurnata tar-Randan tqarribna aktar lejn il-festa tal-Għid. Sabiex inħejju ruħna għaċ-ċelebrazzjoni tal-Għid, il-Knisja tħeġġiġna ngħixu aktar, dawk li nsejħulhom it-tliet pilastri tar-Randan: it-talb, is-sawm u l-karità. Bħala nsara tajbin, nipprattikaw dawn it-tliet pilastri ta’ fidi, matul is-sena kollha, b’aktar attenzjoni għalihom matul ir-Randan, għax huma jgħinuna nidħlu aktar fil-fond tal-vjaġġ spiritwali tagħna. Kull waħda minn dawn għandha l-għan li ssaħħaħ ir-relazzjoni tagħna ma’ Alla. Ir-Randan jgħinna nidħlu f’relazzjoni aktar profonda u intima ma’ Ġesù. Għal din ir-raġuni, din ir-riżorsa se tiffoka fuq il-ħajja ta’ Ġesù, u tgħin lit-tfal isiru jafuh aktar. 

Din ir-riżorsa hija mixja fil-ħajja ta’ Ġesù, li tibda mit-tħabbira tal-Anġlu u twassalna sal-passjoni, mewt u qawmien tiegħu. Hija riżorsa għall-familja kollha. Kull ġurnata nimxu pass pass permezz ta’ siltiet mill-ħajja ta’ Ġesù, u ngħixu wkoll wieħed jew aktar mill-piltasti tar-Randan, talb, sawm u karità. Hekk kif nimxu minn pass għal ieħor, kull ġurnata tqarribna lejn is-Salvatur tagħna. Din hija riżorsa għall-familji bi tfal bejn l-4 u l-11-il sena.  

Tajjeb, li bħala familja tiddeċiedu dwar ħin filgħaxija, u li se tiddedikawh għat-talb u qari mill-Bibbja. Minħabba li kuljum hemm suġġeriment ta’ dak li wieħed għandu jagħmel matul il-ġurnata, tajjeb li l-eżerċizzju jinqara l-ġurnata ta’ qabel. Pereżempju, lejliet Ras ir-Randan, il-familja tinġabar, taqraw is-silta dwar it-Tħabbira tal-Anġlu u titolbu flimkien. It-tfal il-kbar jistgħu jaqraw is-silta u t-talba. Inkludu wkoll talb spontanju, biex b’hekk tinkludu wkoll tfal iżgħar. Fl-aħħar, aqraw dak li ser tagħmlu l-għada. It-tfal iż-żgħar jistgħu jagħtu l-kulur lill-istampa ta’ kull ġurnata. L-għada, qabel ma tibdew taqraw is-silta, tistgħu tiddiskutu x’azzjonijiet minn dawk li tkunu qrajtu l-ġurnata ta’ qabel, irnexxielkom tagħmlu. 

Ħejju l-post għat-talb. Għattu mejda bi drapp vjola u fuqha poġġu l-Bibbja, minn fejn kuljum ser taqsaw silta mill-Evanġelju. Poġġu kurċifiss, xemgħa u vażett fejn matul ir-Randan se tfaddlu l-flus għall-karità. 

Nota qasira dwar is-sawn u l-karità: 

Li ssum tfisser li tiċċaħħad minn xi ħaġa. Nistgħu nsumu minn ċerta ikel, nistgħu nsumu mill-computer, tablets u mobile (screentime), nistgħu nsumu minn attivitajiet li nieħdu gost nagħmlu. Irridu niftakru li meta nsumu mill-ikel dan ma nkunux qed nagħmlux biex neħilsu minn piż żejjed! Lanqas ma għandna nsumu biex ninpressjonaw lil xi ħadd jew biex nidhru li aħna nies tajba u qaddisa! Is-sawm għandu jgħinna biex niffukaw aktar fuq Alla. Għalhekk, jekk insumu mill-mobiles u computers, minflok għandna ngħaddu ħin fit-talb, naqraw il-Bibbja jew nagħmlu atti ta’ karità. Jekk it-tfal isumu mill-ħelu, il-flus li kienu se jixtru ħelu bihom, jingħataw għall-karità. Fakkru lit-tfal li qabel beda l-ħajja pubblika tiegħu, Ġesù għadda 40 jum fid-deżert, jitlob u jsum. Għalhekk, meta nsumu, inkunu qegħdin nagħmlu bħalu. Spjegaw ukoll, l-aktar lit-tfal il-kbar, li meta ma niklux ċikkulata, jew ma narawx film favorit, jew ma nilgħabux xi logħba, dan mhux għax Ġesù ma jridx li nagħmluhom. Aħna nsumu minn dawn l-affarijiet biex nindunaw u niftakru li dawn ma humiex ta’ daqs tant bżonnjużi, li għandna vera bżonn tiegħu, huwa Ġesù. Meta nitolbu Salm 23, niftakru, li “il-Mulej hu r-ragħaj tiegħi, xejn ma jonqosni.” 

Bħala ringrazzjament, ta’ dak kollu li tana Alla, u biex nuru l-imħabba tagħna għall-oħrajn, speċjalment lil dawk fil-bżonn, inkunu ġenerużi mal-fqar, mal-morda u ma’ dawk li għandhom bżonn xi għajnuna. It-tfal jitgħallmu aktar xi tfisser li tagħti, jekk jagħtu xi ħaġa minn tagħhom. Meta t-tfal jistaqsukom biex tixtrulhom il-ħelu jew xi ġugarell, għidulhom li minflok jixtru xi ħaġa għalihom infushom, jagħtu l-flus għall-karità. Tistgħu tagħmlu reċipjent u l-flus għall-karità tpoġġuhom fih. Wara r-Randan, il-flus li tkunu ġbartu jingħataw għall-karità. It-tfal jitgħallmu mill-eżempju li nagħtuhom, għalhekk ħallu lit-tfal jarawkom tpoġġu intom ukoll, flus f’dan ir-reċipjent. Meta eventwalment tagħtu l-flus tal-karità, tajjeb li t-tfal ikunu magħkom, anke jekk id-donazzjoni tagħmluha online. 

Din ir-riżorsa maqsuma f’7 sezzjonijiet. 

  • L-ewwel sezzjoni hija dwar it-tfulija ta’ Ġesù 
  • It-tieni sezzjoni fiha siltiet fejn Ġesù jgħallimna dwar il-ħbiberija 
  • It-tielet sezzjoni fiha siltiet fejn Ġesù jitkellem dwar is-Saltna tas-Sema 
  • Ir-raba’ sezzjoni fiha s-siltiet mill-Evanġelju skont San Ġwann, fejn Ġesù jiddeskrivi lilu nnifsu, fost oħrajn, bħala l-ħobż tal-ħajja, ir-ragħaj it-tajjeb, it-triq 
  • Fil-ħames sezzjoni naqraw uħud mill-mirakli ta’ Ġesù 
  • Is-sitt sezzjoni hija dwar it-talb u Ġesù jgħallimna anke dwar kif għandna ngħixu 
  • Is-seba’ sezzjoni hija ddedikata lill-Ġimgħa Mqaddsa 

Nagħlqu bil-festa tal-Għid il-Kbir. 

L-ewwel sezzjoni | It-tfulija ta’ Ġesù 

Ipprinjta fid-daqs A3, aqta and poġġi skont l-episodji tal-ħajja ta Ġesù:

It-tieni sezzjoni | Ġesù jgħallimna dwar il-ħbiberija 

Ipprinjta fid-daqs A3, aqta and poġġi skont l-episodji tal-ħajja ta Ġesù:

It-tielet sezzjoni | Ġesù jitkellem dwar is-Saltna tas-Sema 

Ir-raba’ sezzjoni | Ġesù jiddeskrivi lilu nnifsu

Fil-ħames sezzjoni | uħud mill-mirakli ta’ Ġesù 

Ipprinjta fid-daqs A3, aqta and poġġi skont l-episodji tal-ħajja ta Ġesù:

Is-sitt sezzjoni | Ġesù jgħallimna anke dwar kif għandna ngħixu 

Print in A3, cut and place the colouring circles according to Jesus life timeline!

Is-seba’ sezzjoni | il-Ġimgħa Mqaddsa 

Ipprinjta fid-daqs A3, aqta and poġġi skont l-episodji tal-ħajja ta Ġesù: